Il-Ġimgħa l-Kbir fir-Rabat tal-Imdina.
Ġrajja t’ iktar minn 450 sena.
F’Diversi bliet u rħula maltin isiru l-purċissjonijiet tal-Ġimagħ l-Kbira, iżda l-eqdem purċissjoni hija dik li toħroġ mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ (Ta’Ġieżu) organniżżata mill-Veneranda Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina. Hawn insibu li l-antenati tagħna minn dejjem kienu juru devozzjoni u qima kbira lejn il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, tant li fl-Abbatija ta’ Dejr u l-Katakombi ta’ Sant’ Agata insibu affreski li jixdhu dan kollu. Qrib il-Belt tal-Imdina inssibu l-Kappella ta’ San Ġużepp flimkien mal-Oratorju illum is-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat. Ma ġend din il-Kappella lejn l-1500 il-Patrijiet Franġiskani Minuru waqqfu il-Kunvent tagħhom hawn u bnew il-Knisja ta’ Santa’ Marija ta’ Ġesu’. F’dan il-kunvent f’ Awissu 1534 miet l-ewwel Gran Mastru tal-Ordni f’ Malta L’Isle Adam, li fdal tiegħu għadu jinsab midfun ħdejn il-Kappella ta’ San Ġużepp.
Lejn l-1345 twaqqfet l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp bl-iskop li tiċċelebra l-festa ta’ dan il-Patrun Universali u biex torganizza l-festi ta’ Marija Addolotara, u tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawwmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Għan ieħor kien li tieħu ħsieb l-Imgħalqin, il-Povero Morto u anki tgħin il-foqra. Id-Devozzjoni lejn il-ġrajja tal-Passjoni b’mod partikulari fir-Rabat ħadet spinta kbira l-quddiem mal-miġja tal-Patrijiet Minuri Osservanti fl-1494. Magħhom bdiet ingħaqdet l-eqdem Fratellanza ta’ Pajjiżna, l-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp li mill-ewwel ħadet l-inkarigu li tibda torganizza it-tifkira tal-Passjoni. Skond dokument antikismu li jġib id-data tal-1591, juri li ġewwa ir-Rabat tal-Imdina kienet diġa ilha issir purċissjoni tal-Passjoni għalkemm differenti ħafna minn kif nafuha illum. Kemm din il-Purċissjoni hija aktika jixhduh id-daqq malinkoniku tas-Suffara u t-tanbur.
Fis-sena 1668 il-Fratellanza kienet diġa torganizza id-devozzjonijiet tal-Ġimgħat tar-Randan, billi fl-ewwel ġimgħa kienet toħroġ il-Vara tal-Ort u wara issir priedka fuq dan l-ewwel Misteru tat-Tbatija. Wara in-nisa u t-tfal kienu joħorġu u jibqa biss il-Fratelli li kienu jagħmlu id-dixxiplina filwaqt li kienu jkantaw is-Salm Miserere u xi talb ieħor. Fl-antik kien hawn il-faqar iżda l-poplu nisrani qatt ma naqas milli jikkontribwixxxi wara li jkun qala’ xi grazzja, kemm in-nies komuni u anki dawk nobbli għamlu opri tal-fidda għal-vari tal-Ġimgħa il-Kbira. Fl-1757 insibu li xi vari kienu tant fi stat ħażin li kellhom jinbidlu. Dawn kienu l-vara tal-Ort u l-Imgħobbi. Fl-istess sena ġew ukoll miżjuda l-vari tal-Marija Addolorata u tal-Irxoxt. al-milja taż-żmien il-purċissjoni bdiet tieħu xejra oħra billi żdiedu oġġetti b’simboli u strumenti tal-passjoni. Fl-1883 twaqqfet il-Prokura tal-Ġimgħ il-Kbira fi ħdan l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp bl-ewwel prokuratur ikun is-Sur Feliċ Taliana. Fl-Antik din il-Purċissjoni kienet ferm itwal milli hija illum. Din kienet tidħol fil-Belt tal-Imdina, dan jixdhu l-fatt li is-salib tal-Vara l-Kbira kellu iċ-ċapetti biex ikun jista’ jagħdi mill-bieb tal-Imdina. Il-Monument kien ukoll jidaħal fil-Knisja ta’ San Franġisk u ta’ Santu Wistin fejn kienu jkantaw xi antifoni u l-Miserere.
Niġu issa għal-vari li jinħarġu waqt din il-purċissjoni antika.
L-ewwel vara hija dik tal-Orazzjoni ta’ Kristu fl-Ort. Din saret mill-Istatwarju Mosti Antonio Mifsud (in-Najċi) fl-1825 mill-kartapesta. Ir-Raġġiera tal-fidda madwar ras Ġesu’ kienet irregalata fl-1882 minn Nobbli Ursola Grech Delicata Theuma Castelleti.
It-tieni vara hija dik tat-Tradiment ta’ Ġuda. Din il-vara maħduma riċenti fil-kartapesta mill-istatwarju Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi fl-1982.
It-tielet vara hija dik tal-Marbut. Il-vara tagħna hija waħda mill-eqdem vari tal-Passjoni f’ Malta. Hija vara tas-seklu sittax li l-awtur tagħha mhux magħruf iżda jidher li kien skultur tajjeb. Din hija vara tqila maħduma minn zokk wieħed ta’ siġra u l-Figura ta’ Kristu narawa li għandha anatomija tajba ħafna b’muskulatura maskili.
Ir-raba’ vara dik li tirappreżenta lil Kristu Inkurunat bix-xewk jew l-Ecce Homo, hija maħdumha fil-kartapesta xogħol ta’ l-Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi fl-1984.
Il-ħames vara dik tar-Redentur hija xogħol sabiħ fil-kartapesta ta’ awtur mhux magħruf. Hija xbieha li turi lil Kristu mgħobbi bil-salib. Lejha hemm devozzjoni kbira u hija meqjusa bħala mirakoluża.
Is-sitt vara insibu dik tal-Veronika. Din il-Vara preżenti naraw mara bil-wieqfa li qed turi fil-velu tagħha x-xbiha ta’ Kristu. Qabel din kien hemm oħra iżjed antika. Din preżenti inħadmet fil-kartapesta mill-istatwarju senglean Karlu Darmanin fl-1880 u tħallset mill-Baruni Giuseppe De Piro Gourgion.
Is-seba’ statwa hija waħda unika f’Malta, din tirappreżenta l-Għaxar Stazzjon. Hija vara maħduma fil-Kartapesta fl-1984 minn Alfred Camilleri Cauchi minflok oħra li kienet inġiebet minn Bari xogħol ta’ Salvatore Bruni fl-1962 u li kienet tmermret għal kollox.
It-tmien vara hija dik tal-Kruċifissjoni jew aħjar il-Vara l-Kbira. Il-Kurċifiss ferm antik tant li insibu li fl-1741 il-fratellanza ta’ San Ġużepp ħadet ħsieb tagħmillu raġġiera tal-fidda. Dan il-korp jirappreżenta lil Kristu fl-Agunija tiegħu dan jidher kemm fil-pożizzjoni kif ukoll fil-ħarsa tal-wiċċ. Din il-figura għanda anatomija tajba ħafna tant li wieħed jista’ josserva l-għadam żlugat. Taħt is-salib naraw il-figura tal-Madonna u l-Maddalena għarkobbtejha fuq in-naħa tax-xellug filwaqt li fuq il-lemin hemm San Ġwann l-Evanġelista. Jolqtuk ħafna il-pożizzjonijiet tal-Madonna u San Ġwann li bejniethom qisa għaddeja xi konversazzjoni. Il-Kundanna miktuba fuq is-Salib hija miktuba bl-Ebrajk, il-Grieg u l-Latin eżatt kif kitieba Pilatu skond il-Vanġeli. Din hija xi ħaġa unika u realistika li insibuha biss fir-Rabat tal-Imdina. Fl-imgħoddi billi din il-vara kienet tidħol ukoll fil-belt tal-Imdina is-salib kellu iċ-ċapetti biex ikun jista’ jgħaddi mill-bieb ta’ din il-belt.
Id-disa’ vara hija dik tal-Monument. Il-Monument tagħna jikkonsisti f’urna barokka li nħadmet fi Sqallija għal ħabta tal-1500. L-urna hija indurata bid-deheb u tinsab priservata fis-Santwarju ta’ San Ġużepp taħt in-niċċa ta’ San Ġużepp Inkurunat. L-urna preżenti hija replika ta’ din li semmejna. Din saret fl-1953 u inħadmet mill-imgħallem Ġużeppi Muscat, l-iskultura saret mis-Surmast Carmelo Tonna u indurat minn Ġużeppi Farrugia mill-Imdina. It-Tlieta kienu Fratelli attivi ta’ San Ġużepp. Il-korp ta’ Kristu li huwa sabieħ ħafna għadu l-oriġinal ta’ awtur mhux magħruf. Dan il-monument ikun imżejjen b’44 globu tal-ħġieġ li jinxtegħlu bix-xema’ matul il-purċissjoni. Miegħu jakkumpanjaw erba’ fratelli ta’ San Ġużepp jerfgħu il-Faldrappa tal-bellus. Qabilhom konna insibu l-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Minuri u sa snin sittin konna insibu 4 Kappillani tal-Kor ta’ Katidral li flimkien mal-Qassisin u l-Abbatini bil-fergħa taċ-ċipress fuq spallejhom kienu jakkumpanjaw il-Monument fil-waqt li jkantaw is-Salm Miserere. Dari dan il-Monument kien jidaħħal ukoll fil-Knejjes ta’ San Mark u San Franġisk fejn kienu jitkantaw xi antifoni u l-Miserere.
L-Għaxar u l-aħħar statwa f’ dan is-sett hija dik tad-Duluri. Din tar-Rabat hija waħda mill-isbaħ f’pajjiżna. Naraw lill-Madonna bil-qiegħda taħt is-salib qed tiġi mfarrġa minn anġlu li f’ idejh għandu s-simboli tal-Passjoni. Din l-istatwa inħadmet fl-1880 mill-istatwarju Senglejan Karlu Darmanin fil-Kartapesta. L-istellarju tal-fidda kien regalat minn Feliċ Portelli u l-istallet minn Vincenzo Borg. Il-kitba tal-kundanna hija l-istess bħal ma insibu fil-Vara l-Kbira iġifieri bit-tlett lingwi Ebrajk, Grieg u Latin.
L-idea ta’ personaġġi bibbliċi kif nafuhom illum bdiet hawn fir-Rabat tal-Imdina mill-Baruni De Piro Gourgion fiż-żmien li kien hu bħala Prokuratut tal-Ġimgħa l-Kbira. L-ewwel personaġġi bibbliċi li derhu f’ pajjiżna kienu Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatea. Illum insibu bosta personaġġi oħra bħal it-12 l-Appostlu u l-Evanġelisti, il-Leviti iġorru l-arka, Patrijarki mit-Testment il-Qadim bħal Abraham u ibnu Iżakk tfajjel, Slaten bħal David Ahab Melkisedek u Assweru. Għadd ta’ tfal libsin iż-żimarri iġorru għadd ta’ affarijiet relatati bħas-simboli tal-Passjoni. Insibu ukoll għadd ta’ suldati Rumani, Pretorjani u tas-sawt, flimkien ma għadd ta’ rġiel lebsin kunfratija u jġorru l-ktajjen marbutin ma saqajhom u rġiel oħra libsin il-vjola li jġorru s-slaleb fuq spallejhom u l-ktajjen ma saqajjhom bħala penitenza.
Il-bandalori li insibu f’ din il-Purċissjoni huma dawk tradizzjonali tas-sett tas-Seba’ Kelmiet li minnhom insibu tminja u oħra li tfakkar is-Sentenza ta’ Pilatu. Dawn huma magħmula minn ħarir fin vjola fil-waqt li l-ittri u l-emblemi huma irrakmati minn ħarir fin safrani, filwaqt li l-emblemi huma ikkuluriti. Barra minn hekk sa ftit ta’ snin ilu konna insibu wkoll bandalora is-sewda. Din kienet bandalora goffa li tintrefa minn tnejn, id-drapp tagħha kien iswed ta’ Malta bħad-damask li jagħti l-ħitan tal-Knisja. Posta ħadithu bandalora oħra tal-bellus aħmar bil-kliem tal-galluni tad-deheb bil-Malti. Ma tonqosx ukoll il-Bandalora l-Ħamra jew tal-ajkla, bil-Kliem fuqa S.P.Q.R.. Din il-Bandalora goffa tinġar minn raġel waħdu libsin ta’ Rumani u erbgħa rġiel oħra libsien ukoll ta’ Rumani li iżommu l-qfiel u li ibidlu lil xulxin mat-triq.
Ma jistax jonqos li bħala l-eqdem purċissjoni f’Malta, din tar-Rabat ma tkunx imżejna b’opri artistiċi antiki mill-isbaħ imma li sfortunatament illum uħud minnhom m’għadhomx jintużaw. Fost dawn insemmu is-Surġentini li kienet tintuża mill-fratelli biex il-purċissjoni timxi bl-ordni. Sitt gandelabri b’riċipjent tal-ħadid biex fihom jitpoġġa l-ħatab jaqbad, sitt gandlieri maħduma bit-torm u bl-iskultura induratali jinxtegħlu bix-xemgħa quddiem il-Monument u li għadhom jintużaw erba’biss, fanali kbar forma ta’ salib b’erba’ friegħi kull waħda magħmula minn metall irqiq u ħġieġ li kienu jintużaw mar-Redentur, erbgħa pilandri bi ħdax il-globu li kienu jakkumpanjaw il-Monument u li illum insibuhom fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira, pilandri b’ħames globi tawwalin tal-ħġieġ fin ikkulurit li kienu mal-vari, kif ukoll għadd ta’ fanali oħra b’forom u għamliet differenti.
Wara it-Tieni gwerra Dinjija l-vari kienu jiżżejnu bil-globi tal-ħġieġ li fihom bdew jitpoġġew x-xemgħat. Illum il-kumplament tal-vari min barra l-Monument qed jiżejjnu bi fjuri friski. Kif ukoll ġew imdawra bil-ħadid iddisinjat artistikament biex magħhom jitpoġġew il-globi tal-ħġieġ. Fis-snin sittin minħabba nuqqas ta’ globi bdiet dieħla id-drawwa li jintramaw il-fjuri li bdew jiffurmaw buketti goffi sakemm lejn nofs is-snin tmenin fuq medda ta’ għaxar snin reġa ddaħħal it-tiżjin u l-globi bid-differenza li flok il-globi tan-nofs jitpoġġa arranġament tal-fjuri. Il-globi il-ġodda nħadmu mill-fabbrika Mdina Glass ta’ Ta’ Qali. L-unika vara li ma ntlaqtitx minn dan l-iżvilupp u baqgħet dejjem bil-globi hija dik tal-Monument.
Fl-antik din il-purċissjoni kienet iddum ħafna barra, din kienet tkun akkumpanjata minn kandilabri u torċi jaqbdu bil-ħatab. Hawn biex tul it-triq kollha kien ikun hemm id-dawl f’diversi knejjes fosthom Santu Wistin u San Franġisk kien ikun hemm merfuħa għal-lest żkuk taż-żebbuġ biex meta jkun se jispiċċa l-ħatab iġibu iktar minn dak li ikun hemm maħżun hemm. Barra minn hekk kienu bosta t-toroq li kienu jiżejjnu bi friegħi tal-palm u ż-żebbuġ. Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kienu popolari ferm il-kandilabri ta’ kull daqs, forma u għamla li joħolqu aspett devozzjonali u sagru f’ din il-purċissjoni antikissima.
Il-Mużika f’din il-purċissjoni konna insibuh minn żmien bikkri ħafna. Dawn kienu ħadd ħlief il-bandituri(dawn li kienu jkunu jduru fit-triq biex iħabbru xi banda)li kienu jkunu akkumpanjati mill-qassisin tal-Katidral u l-abbatini bil-kant ta’ xi responsorju speċjali għal-dan il-jum għażiż. Illum quddiem ir-Redentur għadna nistgħu naraw żewġ personaġġi lebsin kostumi Rumani wieħed idoqq il-flawt u l-ieħor it-tanur li ifakkruna f’din ir-tradizzjoni. Ftit snin wara t-twaqqif tagħha l-Banda Dekana L’Isle Adam bdiet takkumpanja din il-purċissjoni bid-daqq tal-marċi funebri. Fost is-siltit magħrufa insibu żweġ Notturni “Popule Meus” ta’ Mro.Lorenzo Gatt, li mexxa l-Banda L’Isle Adam bejn l-1884 u 1888, u l-indaqq għal-ewwel darba fil-purċissjoni tal-1886 u “Eri Mancipio” ta’ Mro. Carmela Camilleri, li mexxa l-Banda L’Isle Adam bejn l-1888 u l-1894, indaqq għal-ewwel darba fil-purċissjoni tal-1888. Dawn in-Notturni jitkantaw minn kor tat-tfajliet libsin ta’ lhud. Flimkien mal-marċi funebri bħal “Vers Le Calvair” tal-bravu Mro.Ġużeppi Stivalia li mexxa l-istess Banda bejn l-1945 u l-1950.
Illum il-ġurnata l-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fi ħdan l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp dejjem taġġorna skond il-ħtiġijiet taż-żminijiet. Illum insibu l-ushers, loud speakers li jintużaw fil-purċissjoni ta’ Marija Addolorata, stampar ta’ santi bil-kulur bit-talb tar-Redentur u d-Duluri. Ta’ kull sena it-telgħa Wirja Bibblika apposta fis-sala tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam, Palazzo Xara, fejn ikunu esebiti oġġetti u l-vestwarju li jintuża waqt din l-eqdem purċissjoni tal-Ġimagħ l-Kbira fil-gzejjer Maltin. Insibu ukoll xi oġġetti antiki li ma għadhomx jintużaw bħal- vara l-antika tal-Ecce Homo li saret fl-1824 mill-istatwarju mosti Antonio Mifsud (In-Najċi). Din insibuha priservata fin-niċċa tagħha fis-santwarju ta’ San Ġużepp.
Minn din id-deskrizzjoni tal-purċissjoni antikssima tal-Ġimgħa l-Kbira li issir ta’ kull sena fir-Rabat tal-Imdina organizzata mill-Wisq Antika Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp bis-sehem tal-Rev.Patrijiet Franġiskani Minuri u l-Banda Dekana L’Isle Adam nindunaw li sa minn qedem il-poplu tar-Rabat u l-Imdina dejjem kellu qima kbira lejn dan l-Akbar misteru tas-Salvazzjoni u dejjem iċċelebrah bl-ikbar solennita u qima kif mistħoqq. Jalla din id-devozzjoni tibqa’ ħajja finha biex inkomplu nipriservaw dak li wrietna u nadhuh lil uliedna.
Referenzi:
“Informazzjoni dwar il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fir-Rabat” Kitba ta’ Twanny Ciappara Ippublikat fl-Leħen il-Komunita Ġużeppina tar-Rabat. Festa San Ġużepp 1996.
Il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta. Brian Bonnici. SKS. 1998.
Il-Vari tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Malta u Għawdex. Joseph Grech. PEG 1999.
Migbur:- Mis-Sur Jeremy Debono.